FORKA Il-Forka kienet ġa teżisti fi żmien il-Kavallieri. Din kienet tintrama fuq il-blat fin-naħa ta’ fejn hemm il-Forti Ricasoli biex kull min ikun dieħel fil-port u nies minn fuq is-swar kienu jistgħu jarawha sew. Dan il-post kien magħruf bħala Punta delle forche. Fi żmien l-Ingliżi il-forka f’Malta kienet l-istrument principali kif l-ikkundanati kienu jiġu mogħtija l-piena tal-mewt. L-ewwel persuni li kienu ngħataw il-forka kienu pirati barranin fl-1814 li ġew misjuba ħatja ta’ piraterija. Għal bosta snin il-forka kienet tingħata fil-pubbliku u l-mejtin kienu jitħallew mdendla għal xi żmien biex b’hekk tingħata tagħlima u jnisslu biża’ fil-poplu dwar il-konsegwenzi f’każ li xi ħadd iwettaq delitt gravi. Kien hemm żmien illi l-forka ttieħdet lejn il-Furjana fejn illum hemm il-Monument tal-Gwerra. Imbagħad meta ġie mibni l-ħabs ta’ Kordin fl- 1880 it-tgħalliq beda jsir fuq ix-xagħra ta’ quddiem il-ħabs. Wara beda jintuża ċ-ċimiterju tal-ħabs biex it-tgħalliq isir fil-mistur. B’kollox il-forka intużat għal 91 darba. L-aħħar darba li ngħatat l-forka f’Malta kien fil-każ ta’ żewġ aħwa - Carmel u Ġużeppi Zammit - fl-1943. Il-piena tal-mewt ġiet abolita fl-1971 u magħha tneħħiet il-forka. Fl-1963 ingħatat l-aħħar sentenza tal-mewt bil-forka iżda din is-sentenza mbidlet għal għomor il-ħabs. Ara : Tifkiriet ta’ L- Imgodddi ta’ Charles B. Spiteri. Pubblikazzjoni ndipendenza (PIN).