VAPUR TAL-ART Is-servizz tal-ferrovija ġie introdott f’Malta fl-1883 biex joffri mezz ta’ trasport mekkanizzat ta’ ħeffa li sa dak iż-żmien ma kienx jeżisti f’Malta. Dan kien il-vapur tal-art, maħsub biex iservi kemm bħala mezz ta’ trasport kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija minn naħa tal-port lejn iċ-ċentru ta’ Malta. L-istazzjon tal-ferrovija kien il-Belt, taħt Putirjal u t-tren kienet tieqaf tminn darbiet sakemm tasal fl-aħħar stazzjon li kien qabel ma titla it-telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat. Il-ħin tal-vjaġġ mill-Belt sar-Rabat bil-waqfiet kollha kien ta’ madwar nofs siegħa. Dan is-servizz kien waqaf għal xi żmien fl-1889 għaliex il-kumpanija kienet qed titlef il-flus, biss wara sena reġa’ beda. Din id-darba żdied stazzjon ieħor billi tħaffret mina taħt l-Imdina li minnha it-tren setgħhet tasal sa ħdejn l-Imtarfa fejn hemm kien hemm l-isptar militari. L-użu tat-tren beda bil-mod il-mod jiġi abbandunat meta f’Malta daħħlu is-servizzi tat-tramm u tal-karozzi tal-linja li ftit ftit beda jistabbilixxi ruħom fl-ewwel tletin sena tas-seklu 20. L-aħħar darba li ħadmet it-tren kien fl-1931. Ara: The Malta Railway ta’ Joseph Bonnici u Charles Cassar; www.maltarailway.com ta’ Nicholas Azzopardi. www.maltarailway.com.
Wednesday, 1 June 2011
TROGLODITIZMU
TROGLODITIŻMU F’Malta jeżistu ħafna għerien li biż-żmien taw lok biex il-bniedem jużgħahom għal diversi skopijiet. Hekk per eżempju insibu l-ipoġew ta’ Ħal Saflieni, il-katakombijiet kif ukoll l-għerien li ntużaw bħala kappelli fil-perjodu medjoevali u li ġew imħaffra taħt l-art. Fost l-għerien li ġew abitati mill-bniedem f’Malta insibu Għar Dalam fejn l-oġġetti li nstabu fih imorru lura sa 5000 sena Q.K. Insibu wkoll Għar il-Kbir li f’art xagħri lil hinn mill-Buskett. Hawn kienu jgħixu mal- 120 ruħ sal-1835. L-għar ta’ San Niklaw kien jintuża kemm għall-abitazzjoni kif ukoll bħala kappella. Hemm ukoll is-Simblija qrib Ħad-Dingli fejn kienet tgħix kommunità tgħix f’diversi kmamar imħaffrin fil-blat. Fil-Manikata hemm għerien oħra fejn kienu jgħixu xi familiji fihom u magħhom anke l-annimali tal-irziezet. L-Għerien kemm il-darba ntużaw bħala kappelli u postijiet sagri fejn anke indifnu n-nies fihom. Kappelli trogloditi magħrufin f’Malta huma dawk tal-Mensija u tat-Twelid tal-Madonna fil-Mellieħa. L-għerien ta’ Ħal Saflieni u dawk taċ-Ċirku tax-Xagħra, Għawdex intuzaw u tkomplew jitħaffru u jikbru biex saru ċimiterji sotteranji għad-dfien u l-kult ta’ l-alla tal-fertilità. Ara: Trogloditismo Medievale a Malta, ta’ Aldo Messina, Melita Historica, Vol X, 2 1989, Malta Historical Society, pp. 109-120. The re-Christianization of Malta: Siculo-Greek Monasticism, Dejr Toponyms, and Rock-Cut Churches ta’ Mario Buħagiar, Melita Historica Vol XIII, no 3, 2003,pp. 253-284.
TADAM
TADAM Is. xj. Solanum lycopersicum. Din il-pjanta bdiet tiġI impurtata mill-kontinent Amerikan fi żmien Cristoforo Colombo (1492), għalkemm xi wħud jgħidu li kien l-esploratur Cortes li introduċa it-tadam fl-Ewropa. Fi Spanja din il-frotta bdiet titkabbar minn madwar l-1600 W.K il-quddiem. Fl-Italja nafu li t-tadam sar popolari minn madwar 1650 l-quddiem, u fl-Ingilterra minn madwar l-1700 l-quddiem. Fl-Ingilterra t-tadam sar aktar popolari fis-seklu 19, meta’ minnha ġiet ivvintata s-soppa tat-tadam. Fil-Lvant Nofsani t-tadam beda jinżera’ u jittiekel madwar l-1880. Din il-frotta damet ma’ daħlet f’Malta biex titkabbar fl-għelieqi. Kienu x’aktarx l-Ingliżi li daħħluha f’Malta. Tant hu hekk li l-kelma tadam ma’ għandha x’taqsam xejn ma’ dik Taljana: pomodoro (M. frotta tad-deheb – għax oriġ. il-frotta kienet ta’ lewn safrani). Il-kelma tadama ġejja minn tomatl kelma tan-nattivi fl-Amerikas tan-Nofs (Mesoamerikani) li bl-Azzek tfisser il-frotta li tintnefah .
San Girgor Pelegrinagg storiku
SAN GIRGOR, FESTA Il-festa ssir l-ewwel Erbgħa wara l-Għid, ad unur tal-Papa Gregorju il-Kbir (540-604 AD). Mhux ċerti kif bdiet din il-festi. Bosta jaħsbu li din bdiet bħala ringrazzjament lil Alla wara xi terrimot. Oħrajn jgħidu li kienet xi mxijja tal-pesta li ġagħlet li dan il-pellegrinaġġ jibda isir kull sena bħala ringrazzjament. Xi wħud jgħidu li kien x’aktarx attakk tal-furbani jew tat-Torok fuq Malta li ġie sfrattat minnħabba maltempata kbira. Fi żmien l-antik kien isir pellegrinaġġ li kien jibda mir-Rabat u jispiċċa fil-Knisja hekk imsejħa ta’ San Girgor fiż-Żejtun. San Girgor hi waħda mill-festi tradizzjonali fejn l-għarus kien iwiegħed l-għarusa li jeħoda biex tgawdi l-festa. F’din il-festa l-ibliet u l-irħula kienu jitbattlu minn nieshom biex dawn imorru għall-pelegrinaġġ. Darba minnhom kien sar kumplott mill-Ilsira maqbuda hawn Malta li jagħmlu rewixxta biex jaħarbu minn gżiritna appuntu f’dan il-jum waqt li kulħadd jattendi dan il-pelegrinaġġ. Biż-żmien dan il-pellegrinaġġ kien ġie mqassar u beda jitlaq mill-knisja ta’ Kristu Re f’-Raħal Ġdid. Fl-1927 kien inqala’ l-inkwiet dwar il-preċedenza ta’ liema paroċċa kellha tieħu l-pożizzjoni fuq quddiem biex tmexxi dan il-pelegrinaġġ. Illum dan il-pelegrinaġġ sar jitlaq mill-kappella ta’ San Klement li tinsab fit-tarf iż-Żejtun. Wara il-funzjoni reliġjuża il-pellegrini iżda illum anke dawk li ma jkunux ħadu sehem fil-pelegrinaġġ, jerħula lejn Marsaxlokk biex jieklu ikla flimkien u anke forsi jilgħabu t-tombla ħdejn il-baħar.
Tuesday, 31 May 2011
KULURI
Subscribe to:
Posts (Atom)