BONĠU u BONSWA’ L-influenza tal-ilsien Franċiż kien ilu dieħel bil-mod il-mod f’Malta minn żmien l-Ordni. Il-kommunikazzjoni bejn il-Maltin u l-Franċiżi kienet issir diversi modi. Biex nagħtu eżempju, fis-seklu 17, il-parti l-kbira tal-Kavallieri ta’ l-Ordni f’Malta kienu Franċiżi. Għalkemm dawn kienu biss ftit mijiet, biss il-kommunikazzjoni tagħhom mal-Maltin kienet issir ta’ kuljum. Mod li din il-kommunikazzjoni saret kien bejn il-Kavallieri Franċiżi u s-servjenti tagħhom. Nafu wkoll li fis-seklu 17, f’Malta stabbilixxew ruħhom numru ta’ kummerċjanti minn Franza, speċjalment minn Marsilja. Skond studji li saru nafu li bejn l-1603 u 1620 fil-Parroċċa tal-Porto Salvu il-Belt, ġew irreġistrati ħamsa u ħamsin żwieġ bejn koppji Franċiżi u Maltin. Fl-1658 biss, fil-paroċċa tal-Isla kienu żżewġu mal 15-il koppja fejn wieħed mill-għarajjes kien Franċiż. Dan iffisser illi t-taħlit bejn iż-żewġ ilsna kien qed jikber ġmielu. Idjoma : Jien mal-ġirien sa bonġu u bonswa nasal. Ara: FRANZA. Ara: Aspects in the Relations Between Malta and France During the Grandmastership of Manoel de Vilhena, 1722 -1736. Ta’ Joseph Abdilla. R.U.M. History Department Library (tesi mhux ippubblikata).
Thursday, 21 April 2011
Wednesday, 20 April 2011
ARAXINTGHID
AKWIDOTT L-eqdem sistema ta’ kanalizzazzjoni tal-ilma li hawn f’Malta huwa l-Akwidott ta’ Wignacourt li ġie mibni bejn l-1610 u l-1615. Dan l-akwidott kien jibda minn taħt ir-Rabat, minn fejn kien hemm diversi miġriet li ġew magħquda flimkien biex iwasslu għal-kanal wieħed. L-akwidott kien jgħaddi fil-parti l-kbira tiegħu taħt l-art. Dan illum ifiġġ f’Ħ’Attard u Santa Venera. Minn hemm l-akwidott kien jaqleb l-ilma lejn il-Ħamrun u l-Furjana, u jasal eżattament sa ħdejn il-knisja ta’ Sarria, fejn llum naraw speċi ta’ torri u ħawt ta’ l-ilma. Minn hawn l-ilma kien jkompli jaqleb f’kanal għaddej minn taħt l-art lejn biex jasal il-belt Valletta. Id-distanza totali ta’ dan l-akwidott kienet ta’ 12-il kilometru. Il-bini ta’ dan l-akwidott sewa 154,864 skud, li daqs 110,000 skud minnhom ħariġhom il-Granmastru Wignacourt. Il-bniedem li ippjana u ħadem l-aktar fuq dan il-proġġett kien Bontadino di Bontadini, inġinier minn Bologna.
ARAXINTGHID
ARA X'INT TGHID - GABRA TA' KLIEM ANEDOTTI U RITRATTI TAL-ISTORJA U l-KULTURA TAL--MALTIN
RISORĠIMENTO F’diversi perjodi tal-ewwel sittin sena tas-seklu 19, l-aktar bejn l-1830 u l-1861 kien hemm ħafna rvellijiet f’diversi partijiet ta’ l-Italja. Fis-seklu 19 ħafna kienu dawk it-Taljani mdaħħlin fil-ġlieda għall-unifikazzjoni ta’ l-Italja Irredenta, li ħarbu u ġew Malta bħala refuġjati. Dawn ir-refuġjati f’Malta ġieli ippubblikaw kitba li kienet tħeġġeġ biex it-Taljani jqumu kontra il-mexxejja dispotiċi tagħhom ħalli l-Italja ssir nazzjon maqgħud. Wieħed mill-figuri importanti tar-Risorgimento li ġew f’Malta kien Ruggero Settimo, Prinċep ta’ Fetalia li spiċċa miet il-Belt Valletta fejn kien għex sa l-eta’ ta’ 85 sena. Fl-1848 dan kien elett President tal-Gvern Proviżorju. Refuġjat ieħor kien Francesco Crispi li dam jgħix Malta, fi Triq il-Kbira Ħal Tarxien mill-1853 sa l-1855. Wara l-unifikazzjoni tal-Italja dan kien anke ġie elett Prim Ministru. Garibaldi wkoll waqaf fit-23 ta’ Marzu tal-1864 mat-tfal tiegħu meta kien ġie Malta biex imbagħad salpa lejn l-Ingilterra. Hu kien qagħad f’Lukanda fi Triq Santa Luċija viċin Triq ir-Repubblika. Il-poplu Malti kien maqsum fis-simpatiji tiegħu lejn ir-Risorgimento. Kien hemm dawk li xtaqu li l-Italja tkun magħquda. Biss oħrajn raw lil dawn ir-revoluzzjonarji kienu wkoll avversarji tal-Papa, għaliex il-Vatikan kien wieħed minn dawk l-istati li kien qed jirreżisti din l-unifikazzjoni. Ara
Subscribe to:
Posts (Atom)