Thursday, 8 December 2011

BEJN KLIEM U STORJA

il-ktieb bejn kliem u storja issa hareg ghall-bejgh.

dan il-ktieb jittratta l-istorja u l-folklor Malti mill-A saz-Z.

biex tkun taf aktar dwar xhiex jittratta l-ktieb idhol fuq dan is-sit eletroniku.

https://sites.google.com/site/kliemustorja/home

cert li l-ktieb ghandu joghgbok u ssibu ta' nteress.

martin morana



Wednesday, 1 June 2011

VAPUR TAL-ART


VAPUR TAL-ART   Is-servizz tal-ferrovija ġie introdott f’Malta fl-1883 biex joffri mezz ta’ trasport mekkanizzat ta’ ħeffa li sa dak iż-żmien ma kienx jeżisti f’Malta.  Dan kien il-vapur tal-art, maħsub biex iservi kemm bħala mezz ta’ trasport kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija minn naħa tal-port lejn iċ-ċentru ta’ Malta.  L-istazzjon tal-ferrovija kien il-Belt, taħt Putirjal u t-tren kienet tieqaf tminn darbiet sakemm tasal fl-aħħar stazzjon li kien qabel ma titla it-telgħa tas-Saqqajja,  ir-Rabat. Il-ħin tal-vjaġġ mill-Belt sar-Rabat bil-waqfiet kollha kien ta’ madwar nofs siegħa.  Dan is-servizz kien waqaf għal xi żmien fl-1889 għaliex il-kumpanija kienet qed titlef il-flus, biss wara sena reġa’ beda. Din id-darba żdied stazzjon ieħor billi tħaffret mina taħt l-Imdina li minnha it-tren setgħhet tasal sa ħdejn l-Imtarfa fejn hemm kien hemm l-isptar militari.  L-użu tat-tren beda bil-mod il-mod jiġi abbandunat meta f’Malta daħħlu is-servizzi tat-tramm u tal-karozzi tal-linja li ftit ftit beda jistabbilixxi ruħom fl-ewwel tletin sena tas-seklu 20. L-aħħar darba li ħadmet it-tren kien fl-1931.   Ara: The Malta Railway ta’ Joseph Bonnici u Charles Cassar;  www.maltarailway.com ta’ Nicholas Azzopardi. www.maltarailway.com.

TROGLODITIZMU

TROGLODITIŻMU     F’Malta jeżistu ħafna għerien li biż-żmien taw lok biex il-bniedem jużgħahom għal diversi skopijiet.  Hekk per eżempju insibu l-ipoġew ta’ Ħal Saflieni, il-katakombijiet kif ukoll l-għerien li ntużaw bħala kappelli fil-perjodu medjoevali u li ġew imħaffra taħt l-art.   Fost l-għerien li ġew abitati mill-bniedem f’Malta insibu Għar Dalam fejn l-oġġetti li nstabu fih imorru lura sa 5000 sena Q.K. Insibu wkoll Għar il-Kbir li f’art xagħri lil hinn mill-Buskett.  Hawn kienu jgħixu mal- 120 ruħ sal-1835.  L-għar ta’ San Niklaw kien jintuża kemm għall-abitazzjoni kif ukoll bħala kappella.  Hemm ukoll is-Simblija qrib Ħad-Dingli fejn kienet tgħix  kommunità tgħix f’diversi kmamar imħaffrin fil-blat. Fil-Manikata hemm għerien oħra fejn kienu jgħixu xi familiji fihom u magħhom anke l-annimali tal-irziezet.  L-Għerien kemm il-darba ntużaw bħala kappelli u postijiet sagri fejn anke indifnu n-nies fihom. Kappelli trogloditi magħrufin f’Malta huma dawk tal-Mensija u tat-Twelid tal-Madonna fil-Mellieħa. L-għerien ta’ Ħal Saflieni u dawk taċ-Ċirku tax-Xagħra, Għawdex intuzaw u tkomplew jitħaffru u jikbru biex saru ċimiterji sotteranji għad-dfien u l-kult ta’ l-alla tal-fertilità. Ara: Trogloditismo Medievale a Malta, ta’ Aldo Messina, Melita Historica, Vol X, 2 1989, Malta Historical Society, pp. 109-120.  The re-Christianization of Malta: Siculo-Greek Monasticism, Dejr Toponyms, and Rock-Cut Churches ta’ Mario Buħagiar, Melita Historica Vol XIII, no 3, 2003,pp. 253-284. 

TADAM


TADAM    Is. xj. Solanum lycopersicum.  Din il-pjanta bdiet tiġI impurtata mill-kontinent Amerikan fi żmien Cristoforo Colombo (1492), għalkemm xi wħud jgħidu li kien l-esploratur Cortes li introduċa it-tadam fl-Ewropa.  Fi Spanja din il-frotta bdiet titkabbar minn madwar l-1600 W.K il-quddiem. Fl-Italja nafu li t-tadam sar popolari minn madwar 1650 l-quddiem, u fl-Ingilterra minn madwar l-1700 l-quddiem.  Fl-Ingilterra t-tadam sar aktar popolari fis-seklu 19, meta’ minnha ġiet ivvintata s-soppa tat-tadam. Fil-Lvant Nofsani t-tadam beda jinżera’ u jittiekel madwar l-1880.  Din il-frotta damet ma’ daħlet f’Malta biex titkabbar fl-għelieqi. Kienu x’aktarx l-Ingliżi li daħħluha f’Malta.  Tant hu hekk li l-kelma tadam ma’ għandha x’taqsam xejn ma’ dik Taljana: pomodoro (M. frotta tad-deheb – għax oriġ. il-frotta kienet ta’ lewn safrani).  Il-kelma tadama ġejja minn tomatl kelma tan-nattivi fl-Amerikas tan-Nofs (Mesoamerikani) li bl-Azzek tfisser il-frotta li tintnefah . 

San Girgor Pelegrinagg storiku


SAN  GIRGOR, FESTA     Il-festa ssir l-ewwel Erbgħa wara l-Għid, ad unur tal-Papa Gregorju il-Kbir  (540-604 AD).  Mhux ċerti kif bdiet din il-festi. Bosta jaħsbu li din bdiet bħala ringrazzjament lil Alla wara xi terrimot.  Oħrajn jgħidu li kienet xi mxijja tal-pesta li ġagħlet li dan il-pellegrinaġġ jibda isir kull sena bħala ringrazzjament. Xi wħud jgħidu li kien x’aktarx attakk tal-furbani jew tat-Torok fuq Malta li ġie sfrattat minnħabba maltempata kbira. Fi żmien l-antik kien isir pellegrinaġġ li kien jibda mir-Rabat u jispiċċa fil-Knisja hekk imsejħa ta’ San Girgor fiż-Żejtun.  San Girgor hi waħda mill-festi tradizzjonali fejn l-għarus kien iwiegħed l-għarusa li jeħoda biex tgawdi l-festa.   F’din il-festa l-ibliet u l-irħula kienu jitbattlu minn nieshom biex dawn imorru għall-pelegrinaġġ.  Darba minnhom kien sar kumplott mill-Ilsira maqbuda hawn Malta li jagħmlu rewixxta biex jaħarbu minn gżiritna appuntu f’dan il-jum waqt li kulħadd jattendi dan il-pelegrinaġġ. Biż-żmien dan il-pellegrinaġġ kien ġie mqassar u beda jitlaq mill-knisja ta’ Kristu Re f’-Raħal Ġdid. Fl-1927 kien inqala’ l-inkwiet dwar il-preċedenza ta’ liema paroċċa kellha tieħu l-pożizzjoni fuq quddiem biex tmexxi dan il-pelegrinaġġ.  Illum dan il-pelegrinaġġ sar jitlaq mill-kappella ta’ San Klement li tinsab fit-tarf iż-Żejtun.  Wara il-funzjoni reliġjuża il-pellegrini iżda illum anke dawk li ma jkunux ħadu sehem fil-pelegrinaġġ, jerħula lejn Marsaxlokk biex jieklu ikla flimkien u anke forsi jilgħabu t-tombla ħdejn il-baħar.

Tuesday, 31 May 2011

KULURI

KULURI      Ħafna mill-kuluri bdew bħala aġġettiv bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħhom ma oġġetti li huma kienu magħrufa magħhom dan biex kull kulur jiġi spjegat skond l-oġġett l-aktar identifikabbli. Hekk naraw li l-kulur oranġjo ġej mil-larinġ għax din il-frotta għandha dan il-kulur predominanti.  Bl-istess mod, il-kulur roża ittieħed mill-kulur tal-fjura. Il-paraguni fil-kuluri huma ppresentati mill-Għarbi bis-saħħa tal-ġenettiv kostruttiv eż: Isfar lellux, (isfar tal-lellux) jew isfar mewt,  aħmar peprin, iswed faħam, iswed Tork, abjad karti, abjad silġ.  Hemm mod ieħor kif jissemmew il-kuluri eż: xagħar qastni (kulur il-qastan); sema kaħlani / ċelesti/  qattusa bebbuxija. Kuluri akar moderni huma dawk li ġejjin mir-romanz u l-Ingliż eż: pistaċċjo, baderos, lela (Ing. lilac).  Dan biex ma nsemmux kuluri li qatt ma ġew korrotti fonetikament għal-lingwa Maltija bħal turkważ (Ing. tourqouise) li huwa blu-ċelesti li ġej minn ġebla semi-prezzjuża li tinsab fit-Turkija. Hemm kuluri antiki li intużaw fis-sekli li għaddew u li ma għadhomx jeżistu huma: iblaq / belqa - sewdien; ixheb -lewn il-fenek; idbis /debas : kannella aħmar. Forsi l-isem antic ta’ Malta :  Melita ġej mill-kulur tal-għasel li l-ġebla tal-franka tieħu dan il-lewn hekk kif tkun niżla x-xemx.  Forsi hekk kienu jxebbħu a l-Malta dawk il-baħħara li kienu qed iqarbu lejha bil-mod il-mod minn fuq il-baħar.  Ara : Kliem Antik Malti ta’ Godfrey Wettinger.