Monday, 30 May 2011

BAMBIN TA’ PRAGA

BAMBIN  TA’  PRAGA      Din l-istatwa żgħira hija twila mal-40 ċm u tinsab fis-santwarju tal-Vitorja fi Praga, fir-Repubblika Ċeka. L-istatwa hija ta’ oriġini Spanjola u kienet mogħtija lill-principessa Spanjola Marija Manriques de Lara, minn ommha, bħala rigal tat-tieġ meta din iżżewġet lin-nobbli Ċek Vratislav ta’ Pernstyn, fis-sena 1556.  Fl-1628 din l-istatwa  għaddiet mill-familja Rjali għal għand il-Karmelitani Skalzi li jieħdu ħsieb il-Knisja tal-Vitorja fi Praga.   Il-globu żgħir f’id il-bambin għandu fuqu salib tal-Kavallieri ta’ Malta.  Dan minħabba li Praga, fi żmien, kienet tagħmel parti mill-Prijorat Awstrijak li kien f’idejn l-Ordni ta’ San Ġwann.  Biss, il-popolarita’ ta’ din l-istatwa trawmet l-aktar fil-poplu Malti meta fl-1913 il-Karmelitani Skalzi f’Malta, bdew joħorġu pubblikazzjoni kull ġimgħatejn msejħa Il-Bambin ta’ Praga.  F’dan il-perjodiku, fost affarijiet oħra, kienet tiġi rrakkuntata l-istorja tal-Bambin ta’ Praga. F’Malta għandna wkoll kappella ddedikata lil dan il-bambin li tinsab għand is-sorijiet tal-klawsura f’San Ġiljan.  Kopja ta’ l-istatwa tal-Bambin ta’ Praga inġabet f’Malta mill-Ordni tal-Kavallieri fi żmien riċenti u ġiet ippreżentata lill-knisja tal-Vitorja l-Belt fejn illum qegħda esposta fuq-altar.   Idj:  Qiesek il-Bambin ta’ Praga - tingħad lil xi tfajjel  liebes gustuż.  Ara: ‘The Holy Infant of Prague and Malta’ ta’ Carmel Bonavia, The Sunday Times, December 4, 1994.  Ara wkoll: artiklu fuq l-istess suġġett fuq il-paġna tal-web : http://www.christmasjoy.110mb.com/index.php?p=1_64.

No comments:

Post a Comment