ALBANJA / ARBANJA Dan kien l-isem li bih il-Maltin kienu jsejħu lil H.M.S. Hibernia, bastiment tal-gwerra Ingliż tas-seklu 19. Dan il-bastiment tal-qlugħ kellu tlett gverti, kien iġorr 130 kanun u kien twil mat-80 m. Ġie varat f’Davenport, fl-Ingilterra fl-1804. Wara l-1814 Hibernia ma baqgħax jintuża, iżda fl-1845 reġa’ beda jagħmel parti min-Navy Ingliża fil-Mediterran għal xi snin. Fl-1855 intbagħat Malta biex isservi bħala ‘bażi’ biex takkommoda nies tas-Servizzi għat-tul taż-żmien li jkunu f’Malta. Dan baqa’ sorġut ħdejn Sant Anġlu sakemm fl-1904 ġie mibjugħ lil-kumpanija Maltija għall 1,100 lira sterlina biex jiżżarma u jintuża għall-iskrapp. Minn dan il-bastiment għad fadal biss Il-pulena li qegħda għall-wiri fil-Mużew Marittimu tal-Birgu. Idj: kemm int goff, qisek l-Albanja – tingħad lil xi ħadd li għalkemm huwa ta’ ċerta statura fiżika kbira, biss ma jafx jagħmel xogħolu sew. Dan il-paragun kien isir għaliex l-H.M.S. Hibernia kien bastiment kbir u sabiħ, biss kien għal żmien twil sorġut bla ma qatt jiċċaqlaqx. Ara PULENA. ara: ‘The Figurehead of HMS Hibernia’,’ Antonio Espinosa Rodriguez , Treasures of Malta, Christmas 2001, no 22, Vol VIII, no 1, pp. 37-42.
No comments:
Post a Comment