DEJMA Fil-Medju Evu l-kosta u l-irħula ta’ Malta u Għawdex kellhom sistema ta’ difiża para-militari li tipproteġihom minn xi żbark għal għarrida tal-furbani. Din kinet il-Militia li tagħha ghadha teżisti l-lista tan-nies li kien jagħmlu x-xogħol b’lieva. Mill-1462 il-quddiem bdiet tissemma d-dejma, fejn l-irġiel kollha – minbarra l-kleru u n-nobbli - ta’ bejn 16 il-sena u 65 sena kienu obbligati jingaġġaw irwieħom biex jiffurmaw speċi ta’ militia (armata żgħira). Dawn kienu jinġabru mill-irħula skond in-numru ta’ abitanti maskili adulti li setgħu jikkumbattu. Xogħol id-dejma kien li tintervjeni malajr għal xi aggressjoni ta’ emerġenza fl-inħawi tar-raħal tagħhom. Dawn waħedhom ma kienux biżżejjed biex jagħmlu resistenza kbira u għaldaqstant kienu hemm bżonn li fl-istess ħin jinfurmaw mill-aktar fis l-amministrazzjoni tal-Mdina biex tibgħat ir-rinforzi. L-armi tad-dejma kienu diversi eż., lanez pjuttost qosra, xwabel, skieken, tarki u xi wħud kienu jġorru wkoll il-qaws mimdud (Tal. balestra, Ing. crossbow). Xogħol id-dejma kien skedat għal bejn Mejju u Awissu, jiġifieri il-perjodu tas-sena fejn kien mistenni li l-furbani jkunu jħufu fil-Mediterran għax it-temp kien jippermetti. Id-dejma baqgħet tiġi organizzata bħala sistema ta’ difiża anke fi żmien l-Ordni. Ara: ‘Id-Dejma, Il-Maħras and the defence of the Maltese Islands in the late medieval and early modern times’ ta’ Stanley Fiorini, fi Sacra Militia Issue 2, 2003, pp. 16-28.
No comments:
Post a Comment