Tuesday, 31 May 2011

OPERATION PEDESTAL


KONVOJ      Fit-tieni gwerra dinjija Malta setgħet issalva mill-ġuħ bis-saħħa tal-konvojs li kienu jiġu organizzati, daqqa minn naħa ta’ l-Ingilterra u Ġibilta’ u daqqa minn naħa ta’ Lixandra fl-Eġittu. B’kollox matul il-gwerra, ġew mibgħuta  mas-17 il-konvoj lejn Malta. Dawn ħafna drabi kienu jiġu attakkati mill-għadu hekk kif ikunu fi triqithom fil-Mediterran.  Minn dawn l-aktar li jibqa’ msemmi huwa l-konvoj msejjah ‘Operation Pedestal’ jew inkella, kif nafuh aħjar, il-Konvoj ta’ Santa Marija.  Kien dan il-konvoj li salva lil Malta milli ċċedi l-armi lill-għadu, għaliex kien fadal proviżjon ta’ armi, fuel u ikel għal ftit ġimgħat biss.  Dan il-konvoj kien beda fid-9 ta’ Awissu tal-1942 meta mal-15 il-vapur merkantili eskortati minn flotta ta’ aircraft carrier u bastimenti oħra tal-gwerra daħlu fil-Mediterran minn Ġiblilta’ biex isalpaw lejn Malta.  Matul dan il-vjaġġ kien hemm diversi attakki mill-ajru u mill-baħar fuq dan il-konvoj.  Waqt dawn l-attakki mietu mal-400 ruħ, għereq l-Aircraft carrier H.M.S. Eagle u rnexxielhom jaslu Malta biss ħames vapuri. L-aktar importanti fost dawn il-bastimenti kien l-S.S. Ohio, tanker li kien qed iġorr il-fuel tant meħtieġ biex itiru l- ajruplani minn Malta biex jattakkaw l-għadu. Dan it-tanker wasal fil-15 ta’ Awissu, fil-festa ta’ Santa Marija u għaldaqstant dan il-konvoj baqa’ jissejjaħ il-Konvoj ta’ Santa Marija. Din il-ġurnata memorabbli għadha tiġi imfakkra sal-lum b’diversi modi.  Ara:  Malta Convoys 1940-1943 ta’ Richard Woodman, 2000. Pedestal - The Malta Convoy of August 1942, Peter C. Smith, London: William Kimber, 1970.  When Malta Stood Alone 1940-1943 ta’ Joseph Micallef Interprint Ltd. pp. 173-175.

No comments:

Post a Comment