KARRAKKA Dan kien bastiment li kien jivjaġġa biss bil-qlugħ u li kien jintuża fil-Mediterran fis-seklu ħmistax u sittax. Kien oriġinarjament bastiment tal-merkanzija u kien jesa’ sa 14,000 il-salma tal-qamħ (daqs 2,500 tunellata). Il-Kavallieri kienu bnew l-ewwel karrakka tagħhom fl-1407, meta’ kienu għadhom f’Rodi. Meta l-Ordni wasal Malta fl-1530 kellu żewġ karrakki li kienu telqu bihom minn Rodi fl-1522. L-eqdem waħda minnhom, is-Santa Marija ġiet irmiġġata quddiem Sant Anġlu u ma’ baqgħetx tintuża għat-tbaħħir. Fl-1532 din inħarqet meta splodiet ħażna ta’ porvli li kellha fuqha. Il-karrakka l-oħra, kien jisimha ‘Sant’Anna’. Din baqgħet tintuża sal-1541. Biż-żmien din spiċċat sorġuta wkoll ħdejn Sant’ Anġlu u ma baqgħetx tintuża u damet hemm għal bosta żmien. B’hekk biż-żmien il-karakka saret sinonima ma’ kulħadd bħala oġġett kbir u goff u mhu tajjeb għall-xejn. Fis-seklu 19 kien hawn fil-port bastiment li kien iħammel il-qiegħ tal-port li kien wkoll imlaqqam il-karrakka. Idj: dak qisu karakka, jiġifieri goff, tqil u qadim. Eż. ieħor: Għandu karrozza qisa karrakka. Ara: The Carrack of the Order ta’ Joseph Muscat, PIN Pubblikazzjoni Indipendenza; A Rediscovery of the first contemporary and authentic picture of the Great Carrack Sant’Anna of Malta (1535) ta Robert Dauber , in Sacra Militia issue no 4, 2004; Ships of the Order of St. John – The Caracca by Joseph Abdilla and Joseph Muscat. Karakka – The Knights of Malta and their Contribution to Naval Technology by Charles Briffa.
No comments:
Post a Comment